Il-ġurnata bdiet billi l-istudenti inqassmu mill-ewwel fi gruppi u bħala l-ewwel attivita’ is-Sur Ebejer ħejjilhom treasure hunt marbuta ma’ l-ambjent. L-istudenti kellhom ifittxu siġar u pjanti endemiċi kif ukoll monumenti li hemm madwar il-park.
Wara din il-ġirja mal-park, is-Sur Ebejer urihom il-metodu ta’ kif wieħed għandu jiżra. Kull student ingħata kontenitur żgħir u tefa’ fih il-kompost u żerriegħa taż-żnuber. Dawn ġew ġentilment mogħtija lill-iskola tagħna u se jinżammu f’serra żgħira sakemm jinbtu u eventwalment jiġu mħawla.
Il-ġurnata kompliet bit-tħawwil ta’ 4 siġriet taż-żnuber. Din id-darba id-donazzjoni kienet minn naħa ta’ l-iskola tagħna bħala kontribut għat-tisbiħ ta’ dan il-park Nazzjonali. Kull min iżur dan il-park jista’ jara dawn is-siġar immarkati bl-isem ta’ St. Patrick’s Salesian School. Huwa fi ħsiebna li jitħawlu iktar siġar f’isem l-iskola.


